Il-medda ta’ art bejn il-Bajja ta’ San Ġorġ u Baħar iċ-Ċagħaq, magħrufa bħala Pembroke, kienet okkupata mill-militar Ingliż għal żmien twil. Xi priġunieri Ġermaniżi Kattoliċi kienu bnew kappella żgħira lejn it-tmiem tal-aħħar gwerra. Mat-tmiem tal-bażi militari Ingliża f’Malta, xi Maltin bdew jokkupaw xi postijiet li kellhom is-servizzi Ingliżi meta l-Gvern kien ta xi plots. Il-kappella ġiet irranġata mill-Perit Richard England fuq stedina tal-kappillan ta’ San Ġiljan. Imbagħad Pembroke inqata’ mill-Parroċċa ta’ San Ġiljan meta l-Ibraġ sar Żona Pastorali Awtonoma u għalhekk sar parti miż-żona tal-Ibraġ. Billi l-inħawi baqgħu jiżdiedu fil-popolazzjoni, Pembroke sar Żona Pastorali Awtonoma għalih fl-1998. Sar Parroċċa fit-8 ta’ Diċembru 2004 bil-Knisja dedikata lil Kristu Rxoxt.